| L-EIE jiftaħ erba' kawżi ta' libell kontra Evarist Bartolo |
|
|
| EIE News - Newsflash | |
|
Ikomplu s-sensiela ta' libelli kontra deputati u l-media tal-Partit Laburista hekk kif fil-Qorti tal-Maġistrati kienu ppreżentati erba' kawżi għad-danni, wieħed kontra d-Deputat Laburista Evarist Bartolo u tlieta oħra kontra l-gazzetta "Kullħadd".
Il-libelli nfetħu minn Antonello Cappitta għan-nom tal-European Institute of Education. Dak fil-konfront ta' Evarist Bartolo tressaq wara artiklu li kiteb fil-Malta Today bit-titlu "How academic fraud came to Malta – the EIE case". L-Istitut qed jgħid li dan l-artiklu kien malafamanti u joffendi l-unur tiegħu u dan għaliex fis-6 ta' Settembru, 2009, ingħadu fatti mhux minnhom bl-iskop li joffendu l-unur u l-fama tal-Istitut. Għaldaqstant l-Istitut qed jitlob is-somma ta' mhux iżjed minn €11,646 bħala danni skond il-liġi. Dan il-libell tressaq ukoll fil-konfront tal-editur tal-istess gazzetta Saviour Balzan. Il-libelli l-oħra li saru mill-EIE kontra l-ġurnal "Kullħadd" jikkonceraw tliet stejjer li dehru, wieħed fis-6 ta' Settembru bit-titlu "Il-European University tisparixxi minn fuq il-website tal-EIE", ieħor fit-23 ta' Awwissu li għadda bit-titlu "Għand il-Pulizija ingannati mit-taparsi Universita'" u l-ieħor li kien ippubblikat fit-30 ta' Awwissu li għadda bit-titlu "Il-European University tal-EIE falza u ngannat lill-Istudenti". Bħal fil-każ tal-libell li sar kontra Evarist Bartolo l-EIE qed jitlob li għall kull kawża għad-danni għandha tingħata s-somma ta' mhux iżjed minn €11,646 skond il-liġi. Il-libelli kienu ffirmati mill-Avukat Noel Bartolo. Fi stqarrija Antonello Cappitta, direttur tal-Istitut caħad dawk li ddeskrivihom bhala allegazzjonijiet infondati li saru fl-artikli. Huwa tenna li l-kontenut tal-artikli huwa għal kollox malafamanti u ntiż biss biex joffendi l-unur u l-fama tal-istituzzjoni, jew li jesponu lil eie għar-redikolu jew għad-disprezz tal-pubbliku. L-istqarrija tisħaq li l-eie hu istitut liċenżjat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex joffri korsijiet ta' edukazzjoni ogħla, u jagħmel minn kollox biex joffri kwalifiki u degrees kredibbli u tal-ogħla livell. L-istqarrija tisħaq li isem l-eie hu assoċjat ma' diversi universitajiet kredibbli. |
|